Tuesday, 3 June 2014



Xħin nasal fil-quċċata.

Xħin nasal fil-quċċata
Għad tista’ tħoss il-mixi tiegħi
U nkun wasalt.
Imm’issa għadni fit-triq
Inkella tiela’ t-taraġ, tarġa, tarġa,
Indomm  it-tixbieħat f’tapezzerija,
Inħarrek ilma ċatt biex lanqas nilmaħ
Ix-xbieha tiegħi;
Inkella nisma’ noqgħod leħen ruħi
Bħal fewget il-grigal xħin jisbaħ bnazzi.

Għadni ma lħaqtx is-seħer tal-qawwa
Fil-kelma li m’għandiex bżonn ta’ min jgħidha
Mingħajr il-krozzi,
Mingħajr it-ritmu
Mingħajr il-melodija.
Xħin nasal fil-quċċata jkun għalija
Tarf it-tiġrib,
U lanqas ma nkun jien li qiegħed ngħanni
Id-diwi ta’ dak kollu
Li mingħalik int smajtni ntenni.

Alfred Grech
03/06/2014


No comments:

Post a Comment