Monday, 31 March 2014








Issaltan fuq art barranija.

Issaltan fuq art barranija,
Titperreċ u toħlom il-bqija,
Mingħajrek staqsewni fejn sejjer
Kull fejn mort, bla wiċċ u bla ħtija.

Ta’ reġina passejk:
La ’l-hawn u lanqas ’l-hemm ma tħares,
Xewqati bħar-riħ
U ħarsetek, tpatti qares.

Daqs warda senswali xuftejk
Sbuħitek bħal tina miftuħa
U terħi riħa
Li ħliefi ħadd ma jxomm.
Il-ġnien tiegħek ilellex
Il-kulur tal-irtokki.

Ġismek mewġa moħlija
Mar-ramel tax-xatt f’għodwa sajfija
Xewqatek tfajla moħbija
Xħin taqa’ u tistordi mifnija
Bħal qoxra tal-baħar mormija
U f’moħħi t-tagħbija.

Alfred Grech

31/03/2014

Friday, 28 March 2014



Għidli.

Għidli,
 X’ikun dal-baħħ li nħossu jissukkani
Xħin int ukoll issir għalija żejjda?
Tfittixni u ma ssibnix għax mhux inlaħħaq
Mar-ritmi tiegħek.
It-tqanqiliet,  nokkli tax-xahar imħabbel
Iġorrhom marbutin fil-ħabs tal-bieraħ
Ir-riħ mix-xlokk imdejjaq.
L-alka tal-qiegħ sa waslet fuq ix-xtajta
Mal-bews tas-sema mċajpar.
Bħan-nida ta’ bla ħoss tinżel imħabbtek,
F’sider is-swied il-qalb, bla velu, bla skuża,
U r-ruħ għal dejjem tibqa’ tonfoħ
Ix-xaghar imħabbel.

Alfred Grech

28-03-2014

Thursday, 27 March 2014



Li kieku.

Li kieku kelli nikteb il-memorja
Mhux biex l-istorja ndawwar kif nixtieqa,
Jew biex min jiġi wrajja jaħseb fuqi
Kif xtaqtu jiena.

Li kieku kelli għad jien nerġa’ nterraq
It-toroq u sqaqien mgħawwġin tad-dinja,
Ma nittaqqalx bit-toqol tal-imgħoddi
Niltaqa’ miegħek.

Li kieku tħares lejja b’dik il-ħarsa
U qabel il-kundanna kull jum tqassar,
Jien ngħalaq kull kapitlu li qrajt s’sissa
Mingħajr ma ninsa.

Li kieku minn fejn qiegħed nerġa’ lura
U nerġa’ niġi ħdejk għax rega’ bdieli,
Bħal meta tfajjek kont u xejn ma kelli. . . .
U mhux li kieku!

Alfed Grech

27-03-2014 

Wednesday, 26 March 2014






Bħas-sriep li jarmu l-ġilda.

Bħas-sriep li jarmu l-ġilda,
Ilpup li saru ħrief,
Xħin jilbsu bħal ħaddieħor,
Kull wieħed sar tellief.

Intasbu wara mejda,
Għax tagħhom hu l-każin,
Ma jingħarfux minn kliemhom
Iwensi lil xulxin.

Ilkoll liebsin il-maskra,
Bħal kotra ħallelin,
Iljuni tilfu snienhom,
U baqgħu migdudin.

Ilpup li tilfu l-ġilda,
‘Mma l-vizzju ma tilfuħx,
U min warajhom mexa
Lil dan dawn ma jafuħx.

Alfred Grech

26/2014

Tuesday, 25 March 2014








Għalxejn din it-tfittxija.

Intbaħt illi għalxejn din it-tfittxija,
Għax int ilek li tlaqt u sibt pjazza oħra,
Jew għadek hawn fil-masġar tfittex fetħa
U jekk ma tlaqtx, tistaħba minni qiegħeda.
U ntbaħt li qiegħeda tagħmel dak li darba
Jien kelli nagħmel.

Bqajt indur żugraga
Mhux il-għaliex xi darba ħsibt li nsibek
Inkella biex narak għall aħħar darba,
Għaliex jien lanqas naf! Għax hekk imdorri.

Alfred Grech

25-03-2014


Monday, 24 March 2014













Kull meta jkolli lilek.

Kull meta jkolli lilek tredden ħdejja
Jgħaddili ħsieb minn moħħi u nibda’ nħobbok,
Ninduna wkoll għaliex fil-manikomju
Hemm nies li ma sabux tal-ħajja rkaptu;
Inqaflu wara ħajt ta’ protezzjoni.
Jien ma jibqagħali xejn x’nitkixxef aktar.

Kell meta jkolli lilek tredden ħdejja
Insir jien l-eżiljat maqtugħ mis-saltna,
Insir fil-bogħod bħal waħx li qed jistenna
U noqgħod bejn il-lasti nilgħab logħoba
U titlaq tiġri ‘l-hemm il-poeżija.

Alfred Grech

24-03-2014

Saturday, 22 March 2014





Waqtiet 2

Waqtiet, jum wara jum tas-skiet fil-mixi,
Pass, pass fuq dan ir-ramel f’xatt il-baħar,
Għafsiet il-qalb max-xfar misnun tal-gebel,
Il-ħlewwa tal-qanqiena li qed tidwi
Fil-qiegh mudlam tal-ħajja.

Bħal kieku qed tismagħni imbagħad tweġibni,
Kull  xħin iż-żiffa riħ ma wiċċi tmelles,
U leħnek jgħaddi sbrixx minn ma widnejja,
Tqanqil il-qalb li jobżoq mewġ il-baħar,
B’riħet il-melħ li jinxef fuq il-ġilda.
Jien ma rrid xejn u xejn mhu qed nitolbok,
Bħal meta tgħid li tbusni.

Jien ma rrid xejn u xejn mhu qed nitolbok
Kull xħin il-minutiera taqbeż qabża,
Int tgħid li nbdilt u jiena nibda nemmen
U ngħidlek: ma ngħaġġlux biex aktar nisma’
It-tokki tal-arloġġ għax wasal żmieni,
U tibqa’ tħares lejja u tisfidani.
Sal-qiegħ nixorbu l-kalċi.

Alfred Grech

22-03-2014

Monday, 17 March 2014













XCIII.

Imqar fis-skiet tal-lejl jien nisma’ leħnek
Inħarsu lejn xulxin bla ma nitkellmu,
Bħal mutu nibki s-swied li hemm ġo qalbek
U l-kwiekeb jgħaddu sbrixx mingħajr ma jsellmu.

U naħbtu wiċċ imb’wiċċ ma kull tisbita
Par bċieċen imqerrxin fil-ħin li skada,
U ħierqa ġewwa fija dit-taħdita
Li bdiet fis-skiet tal-lejl qed jokrob l’għada.

Ġo fija hemm il-ksieħ tal-ilma ġieri,
Xħin wiċċek jiddi rajt fid-dawl tal-kwiekeb,
U bħali ssir imbagħad taf  x’jiġifieri,
Kull xħin tarani ġej fuq żiemel riekeb.

Mirduma għadek taħt il-lejl tistenna,
Bħal xefaq li jingħalaq għax sar ġenna.

Alfred Grech
17/03/2014.



Saturday, 15 March 2014



Qatt taħseb.

Qatt taħseb illi ż-żmien iħassar sejjer
Tqaqnqil ir-ruħ u r-raghwa li tiġini,
Il-qalb li tgħix il-waqt mingħajr ma taħseb,
Ix-xmara demm ibaqbaq ġewwa l-vini.

Qatt taħseb illi taħt l-uġigħ għad nogħtor
Ngħix qisni kont miblugħ u xejn f’idejja,
Jekk ma tafnix trid tħares fiss f’għajnejja
U tara jien min jien xħin tiġi ħdejja.

Qatt taħseb li m’għadnix inħoss il-qawwa
Bħal meta zgħażugħ kont mgħix għal ġurnata,
Bħal żiffa riħ li ġismi xewk, xewk tqanqal,
U ħadd u xejn ma jbiddel il-burdata.

Alfred Grech

15-03-2014

Wednesday, 12 March 2014




Jien ngħereq ġol-għadira tas-skiet tiegħek.

Jien ngħereq ġol-għadira tas-skiet tiegħek,
Fil-baħar ta’ bla xtut indoqq it-tokki,
U mnalla kien il-ħolm biex nista’ nħobbok
U lilek nara aħjar mingħajr irtokki.

Jien lilek ma narax minn lenti oħra,
U jista’ jkun tqil wisq it-toqol tiegħek,
U jista’ mhu tqil xejn għax mhux ħlief għafsa
Li tgħaddi mal-oħrajn fil-mixi miegħek.

Kull xħin jispara l-għaraq fuq il-ġilda,
Fin-nixfa lli tiġini xħin tkun ħdejja
Fi nżul ix-xemx fil-ħmura ta’ fl-għaxija
Bħal xmara dil-burdat tibqa’ għaddejja.

Kaskati t’ilma għaddej minn taħt l-arkati
Mingħajr ma qatt niltaqgħu int u jiena,
Bħal ħmar qammas tal-ħin ir-rota jdawwar,
Moħlija din l-imħabba f’qalb għajjiena.

Alfred Grech

12-03-2014