Wednesday, 30 April 2014



Vjaġġ Tal-Fantasija.

Titjira għal imkien
Fil-vjaġġ ta’ mingħajr mira.
Din qabża għal ġol-abbiss
Jew ħofra f’nofs għadira.

Mogħodija li ma sibtx
U rkibt il-ferrovija,
U b’hekk ma nafx mnejn bdejt
Dal-vjaġġ tal-fantasija.

Attent għall kull aħbar,
Avviż ta sikurezza,
U bqajt bla ma kejjilt
Kemm tiswa’ ftit ċertezza.

Trid torbot ċinturin,
‘Mma l-ħsieb malajr jiżgiċċa,
Jirranka mhux ħażin,
Ma tafx fejn ser tispiċċa.

Alfred Grech

17-04-2014

Tuesday, 29 April 2014



Il-Mitjar ta’ Domodedevo.

Bħal merħla nagħaġ misjuqa
Min id li ma taħfirx
Hawn amar mhux imlissen
U xettru ma jidhirx.

Kulħadd ibaxxi rasu
Biex jemmen li jinħtieġ
Iċ-ċinturin jissikka
Min jgħodos qalb il-ħmieġ.

U taħt l-effett tal-loppju,
U nobdu u ma rridux
Kif stajt nitkellem nibda
Bl-ilsien li ma nifhimx?

Alfred Grech

28-04-2014

Wednesday, 16 April 2014



Burdata.

Il-ħarsa li tiċċajpar
Felula li titrabba’
Is-sema li jiddallam
Fil-qalb mingħajr imħabba.

Il-ħsieb bħax-xagħar imħabbel
Ir-riħ tax-xlokk imdejjaq
Waqtiet bħal zkuk imsebbla
Uġih il-qalb imfejjaq.

Ir-riħ li jġorr quddiemu
Ir-raxx tal-baħar fieraħ,
Ir-raġġ tax-xemx jintilef
Fil-moħħ il-ħabs tal-bieraħ.

Il-ħarsa li tiċċassa
Musbieħ id-dlam tal-għama
U qalb dat-taħwid kollu
Jitfaċċa raġġ ta tama.

Alfred Grech

16/04/2014

Tuesday, 15 April 2014



Bħal ma dħalt fuq il-ponot ta’ subgħajja.

Bħal ma dħalt fuq il-ponot ta’ subgħajja
Bla ma ħabbat, mingħajr ma tbatbek nidħol,
Hekk nitlaq. Int ftaħt beraħ il-fruntieri
U jien imlejt malajr l-irkejjen kollha
Battala, b’kull ġurnata l’għaddejt miegħek.
Għax issa jtajjru trab ta’ kwiekeb mejta
Riġlejja, u ma tridx terġa’ tħares lura
Biex tgħaraf dak li ġa taf. U jekk jien nitlaq
Inkarkar miegħi ħwejjġi kollha. Nimla
Bit-toqol tal-għażliet valiġġa kbira
Mgħobbija bil-waqtiet fix-xejn moħlija.
 U jekk immur u nitlaq xejn ma ninsa’
Għajr il-biċċiet tal-mera fl-art mitluqa
Li jiena naf li għad xi darba tiġbor
Biex terġa mill ġdid tibni l-mużajk tiegħek.

Alfred Grech

14/04/2014




Il-Kelma.

Li kieku minflok il-verbali
Tinkiteb imqar poeżija,
Minflok il-kliem iebes li jdejjaq
Li tghidhom x’ħin tkun fid-dagħdigħa.

Li kieku dak kollu li ngħidu
Iperreċ tassew x’hemm ġo fina,
Tar-ruħ il-misteri li twelled
U tħalli li ż-mien jgħaddi bina.

Li kieku dal-ħsejjes li tisma’
Kull kelma li d-dinja  jsawwarha
Bix-xeħta, bid-dagha, kull ma tbassar
Fl-imħabba u t-tberik idawwarha.

Kull kelma titlissen u iżżommna
Ġo qafas imsejjsa daqskieku
Noħolqu kull ħin dak li ngħidu
Noħolmu li kien seta’ kieku.

Alfred Grech

15/04/2014

Saturday, 12 April 2014



U jien x’jonqosni?

U jien x’jonqosni?
Jekk mhux li naf li inti qed taħseb fija.
Jien il-ħin kollu naħseb fik
U nbus il-qamar,
U jista’ jkun ukoll illi l-lejl tiegħek
Timlieħ b’ħaddieħor.
Imm’int mhux ser tinsieni
Għax hemm marsus ma kull messaġġ li nibgħat
Il-biża’ tiegħi.
Inħokku ma xulxin qiegħedin
F’dil-bitħa eternita’,
U jien niġġerra wara l-kwiekeb
Li jiġġarfu.

Alfred Grech

12/04/2014

Friday, 11 April 2014




Talinqas ħobbni.

Talinqas ħobbni għal dak iż-żmien kollu
Li bqajt bla ma nurik għax qatt ma tlabtni.
Fakkarni wkoll fil-bews misruq li tajtni,
Id-dehexa t’id tiżżerżaq ma ġenbejja.
Fil-leħħa tal-waqtiet. . . tmellis distratt.
Imbagħad ismagħni ejja xħin jibqagħali
Mank kelma waħda biss biex  nista’ ninfed
Il-ħemda solitarja. Ejja aqrali
Iż-żmien fl-isfumaturi tiegħu. Isma’
Id-diwi tat-twerwir  li din xortija
Warajjha tħalli. Jiena riħ fl-irkejjen,
Żarġun ma ħġieġ itekek ta’ kamartek.
Għalhekk nistenna nibqa’ l-aħħar ħarsa.

Alfred Grech.
11/04/2014


Thursday, 10 April 2014



Li kieku ma kienetx din l-ossessjoni.

Li kieku ma kienetx din l-ossessjoni
Li nibqa’ ngħanni l-għanja tal-profeti,
Iż-żmien kien jibqa’ għaddej bla ma jinvadi
Is-skiet qaddis.

U li ma kienx għar-riħ li għamel ħerba
Ma qajjimnix minn-nagħas u ċarrat beraħ
Feriti magħluqin fid-dmugħ maħlula,
Jien bqajt stordut.

Għajnejja jduru lura biex jinkixef
Ritratt taż-żmien li għadda, u issa nifhem
Fejn jien illum u minn fejn kont inħares,
U ż-żmien għaddej.

Alfred Grech

10-04-2014

Wednesday, 9 April 2014




Traxxax ix-xita fuq l-imxarrab.

Traxxax ix-xita fuq l-imxarrab
U nifsek daqs in-nar,
U kull tnehida trewwaħ
Il-ġamar f’nofs il-kamp.
Jien nintilef f’dak kollu li tgħix int
F’dak kollu li taħseb
F’dak kollu li tixtieq,
Imm’int aktarx titlifni bħal muftieħ
Li qatt ma ssibu.
Fuq żiemel bil-galopp
Ilebbtu t-tqanqiliet,
U l-ħsibijiet maħsula
Jiżolgu fuq il-ġilda
Tinfaqgħa ma kull bewsa
Kull qatra t’għaraq sħun.
Imqar il-lożor ħadu l-qagħada
Tal-fantasija tagħna.

Alfred Grech

09/04/2014

Sunday, 6 April 2014



Fis-skiet ta’ dawk xufftejk.

Fis-skiet ta’ dawk xufftejk
Illum tlift ir-raġuni,
Burdati bħall-oħrajn
Jinbidlu fi staġuni.

Xtaqt ngħidlek sewwasew
Bid-dudu li jitrabba,
U dan mhux ħmar i-lejl
Kull xewqa tal-imħabba.

Fis-skiet ta’ dawk xufftejk
Tingiża tal-kuxxjenza
Innittef bqajt kulljum
Iż-żmien tal-innoċenza.

Fis-skiet ta’ dawk xufftejk
L-uġih ta’ dawk l-iljieli
Mogħttija b’velu skur
Biss għada għad jibdieli.

Alfred Grech

06/04/2014 

Saturday, 5 April 2014

















In memoriam
Lil George Vella.

Minn wara twieqi mbexxqa,
Għanqbuta tal-ħadid
Minsuġ min id saħħara
Tistaqsi bla ma trid.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
U bqajna nistennewk,
Fi qlubna aktar minn qabel
U nibqgħu bla ninsewk.

Fiċ-ċirku ta’ nċertezza
Magħmul mill-frak tal-ħsieb
Jirbombja eku ħieles
Ivenven riħ mal-bieb.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
Xħin drajna konna sew
Il-ħbiberija tiegħek,
Duħħan is-snin l-għaddew.

Min jgħajjat mhux jinstema’,
Hemm dmugħ li ma jidhirx,
Theżżiż ta' snien u biki,
Dulur ma jitfissirx.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
It-telfa nitbekkew,
Żdied ieħor fir-ringiela
Li telqu u qatt ma ġew.

B’idejna nħaffru ħofra
Insawwtu ċ-ċpar misħut,
Magħmul min skiet li jraqqad
Fid-dlam tat-trab mixħut.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
Kont wieħed minn ta’ ġew,
Taċ-ċorma illi bassret
Ġejjieni ġdid tassew.

Alfred Grech

05/04/2014


Meta l-qamar.

Meta l-qamar imiss leħjet ix-xefaq
Int tbiddel il-lewn tas-sema
U b’idek ħafifa
Tqiegħed f’postom waħda waħda
Il-kwiekeb li jitfixklu,
U inti lanqas taf:
Għalkemm il-bogħod u f’dinja għalik
Sirt tafni biss fil-ħemda
Li jiksirha biss
Il-ħoss tal-musika.

Alfred Grech

05-04-2014

Thursday, 3 April 2014




Il-lejla erġajt imxejt il-passi qodma.

Il-lejla erġajt imxejt il-passi qodma
Ta’ trejqa mingħajr sbokk u bdejt infittex
Taħbit il-qalb bħal dejjem xħin insejthom
F’idejk battala.

Erġajt staqsejt jienix qed noħlom
Fi ħsiebi qishom badla l-inċertezzi,
Kultant insibek tħares bħal tistaqsi
Għajnejk kurjużi.

Imdawwar bit-tvenvin tar-riħ bdejt nemmen
Fi kliemek ma jaqtax u ma kull bewsa
Ħassejtni qisni anġli jtir fis-sema,
Sakemm sparawli.

Bdejt ngħum fuq biċċa għuda mal-kurrenti,
Għajnejja mitlufin fic-ċpar tax-xefaq
Fejn l-infinit fetaħli l-bibien beraħ;
Komplejt nitbiegħed.

Alfred Grech

03-04 2014

Wednesday, 2 April 2014





U xejn ma baqa’ llum.

U xejn ma baqa’ llum
Nibbiet li sar żerriegħa,
Duħħan li jogħola ’l-fuq
Fis-sema tar-rebbiegħa.

Ir-ramel jibqa’ biss,
Li jgħaddi ma subagħaja,
U jibqa’ t-tifkiriet,
Mal-mewġ mitluf fil-bajja.

U jgħib bi-mod il-mod
Mas-sħab ta’ sema safi
Inti issa sirt biss xbiegħa
Quddiemek niġi ħafi.

Dak kollu li kont ktibt
Ir-riħ tal-bidla jferrex,
U jogħola bħad-duħħan
Mas-sema griż u mgerrex.

Alfred Grech

01-04-2013