Saturday, 5 April 2014

















In memoriam
Lil George Vella.

Minn wara twieqi mbexxqa,
Għanqbuta tal-ħadid
Minsuġ min id saħħara
Tistaqsi bla ma trid.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
U bqajna nistennewk,
Fi qlubna aktar minn qabel
U nibqgħu bla ninsewk.

Fiċ-ċirku ta’ nċertezza
Magħmul mill-frak tal-ħsieb
Jirbombja eku ħieles
Ivenven riħ mal-bieb.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
Xħin drajna konna sew
Il-ħbiberija tiegħek,
Duħħan is-snin l-għaddew.

Min jgħajjat mhux jinstema’,
Hemm dmugħ li ma jidhirx,
Theżżiż ta' snien u biki,
Dulur ma jitfissirx.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
It-telfa nitbekkew,
Żdied ieħor fir-ringiela
Li telqu u qatt ma ġew.

B’idejna nħaffru ħofra
Insawwtu ċ-ċpar misħut,
Magħmul min skiet li jraqqad
Fid-dlam tat-trab mixħut.

Għaliex ħallejtna u tlaqtna?
Kont wieħed minn ta’ ġew,
Taċ-ċorma illi bassret
Ġejjieni ġdid tassew.

Alfred Grech

05/04/2014

No comments:

Post a Comment