Saturday, 5 March 2016




Xħin.

Xħin jieqfu jtambru t-tnabar ġo widnejja
U kliemek bħat-trumbetti ta’ twissija,
Jien nerġa’ mmur nistrieħ f’dirgħajn ix-xtajta
Li lesta li tilqgħani fit-tnissija.

U sehemi jkun is-skiet u l-ħemda mċarrta
Mil-krib ta’ xi gawwija ttir imġewwħa,
Jew mit-tkarkir tal-mewġ taħt xemx għarqana
Inkella żiffa riħ ma wiċċi mrewwħa.

Xħin tieqaf issabbatni ma kull naħħa
Jew trossni ġewwa l-morsa ta’ xewqatek
Aktarx li jien imbagħad f’qoxorti nidħol
Nixtarr il-kongetturi ta’ min bagħatek.

Għal kenn u rdoss ta’ din il-qalb mifnija
Għax jien irrid ninqata’ ftit għalija.

Alfred Grech

05/03.2016

Thursday, 18 February 2016








Sara Perche’


Se Io mi rallento
non e’ perche’ adesso ho dei dubbi.

Se Io mi fermo qui
sara’ perche’ il cammino ormai
e’ diventato piu duro.

E se no ti accompagno piu’
non e’ per codardia
ma perrche’ le distanze tra di noi
sono allungate e ti sei diventata
piu’ bella.

Alfred Gech
18-02.2016

Monday, 4 August 2014


















U meta se taqbeż?

U meta se taqbeż?
Int għadek trid issib il-pjattoforma
Minn fejn lil-mewt ġo wiċċha tibda tħares
Turini kemm sirt taf, kemm int ta’ ħila
Li tħares f’wiċċ il-mewt u lanqas tibża’.
Imm’int qed tħares f’wiċċ il-baħħ,
Mintix qed tara
Ix-xifer ma qbistux
Bħall-iblaħ  li jittarraf.
Aqbeż, meta ser taqbeż?
L-udjenza qed tistenna,
Jew għadek trid tixxabbat xi ftit ieħor
Ma blat żellieq?
Qed tfittex l-ogħla niċċa nkella toqba
Mnejn tħares f’wiċċ il-mewt.
Jew din hi messa in scena
Biex tara kif ser jgħaddi l-ħin
U lili tiġi tgħidli
Li ma kien xejn u kollox għattaparsi.

Alfred Grech
04/08/2014

Saturday, 2 August 2014






Bħall-ilma.

Bħall-ilma mill-ghejjun jinżel u jsaqqi
Ix-xtieli fil-ġnien tiegħek
Jew jitħallat mal-ilma maħmuġ ieħor
u fil-widien jispiċċa jintilef. . .
hekk huma ħsibijieti għalik
maħbuba tiegħi
kultant fit-tifkriet nitilef
tal-baħar li fih negħerq.

U jekk ma noffrilekx xi bukkett fjuri
Inkella xi ċurkett
Dak kollu li minn moħħi bħal valanga
Lil ħsiebi jinfed, friefet il-lejl isir,
Ma sbieħ il-jum jitilqu.

Tassew li l-ħolm li noħlom
Iġiegħelni nqum għal kemm il-darba
F’nofs ta’ lejl
U sieket nippassiġġa
Nistaqsi lili nnifsi u kull tqanqila
Twassalli fewġa siekta
Il-ħlewwa fuq xufftejtk u kliemek sieber.

Alfred Grech
20-08-2009

Friday, 1 August 2014

























Dari kont int timbuttani.

Dari kont int timbuttani
Illum huwa jiena li naħrab.

Dari kont int li tfixkilni
Illum huwa jien illi nħares
Narani ftit ftit qed nitbiegħed
Miċ-ċentru tal-orbita tieghek.

Ftit ftit qed nagħmel bħalhom
U b’hekk qed nagħamel f’siktu
Miżien li qatt mhu mdaqqas.

U qatt mhu se jiskot il-leħen
Ta’ dak illi qatt ma jkun nieqes
Ta’ dak illi jafni minn ġewwa
Ta’ dak li jagħmilni hekk ħieles
ta' dak li jagħmilni hekk nobbli,
Ta’ dak illi hu jien innifsi.

Alfred Grech
1-08-2014
2.30 a.m.

Tuesday, 15 July 2014




U tista’ ssir ħabiba.

U tista’ ssir ħabiba tiegħi
Inkella tkun maħbuba,
Ejj’imxi int kif int
Ukoll jekk għadek tirrifletti l-qamar kwinta,
U taħbi taħt l-ilwin ta’ lbies li tilbes
Dak kollu li ma jgħoddx għal wiċċ id-dinja.
U jista’ jkun ukoll li ġejt biex tara
Għajnejn ma jitħarrkux
Għajnejn bħaż-żibeġ
Il-ħarsa tal-etern mingħajr tifsira
Dak li ma jgħidlek xejn, rifless fl-għadira
U jien taħt qoxra ta’ bebbuxu mmur ninħeba
Għaliex ma nafx x’irrid jekk tistaqsini.

Alfred Grech
15/07/2014