Tuesday, 15 July 2014




U tista’ ssir ħabiba.

U tista’ ssir ħabiba tiegħi
Inkella tkun maħbuba,
Ejj’imxi int kif int
Ukoll jekk għadek tirrifletti l-qamar kwinta,
U taħbi taħt l-ilwin ta’ lbies li tilbes
Dak kollu li ma jgħoddx għal wiċċ id-dinja.
U jista’ jkun ukoll li ġejt biex tara
Għajnejn ma jitħarrkux
Għajnejn bħaż-żibeġ
Il-ħarsa tal-etern mingħajr tifsira
Dak li ma jgħidlek xejn, rifless fl-għadira
U jien taħt qoxra ta’ bebbuxu mmur ninħeba
Għaliex ma nafx x’irrid jekk tistaqsini.

Alfred Grech
15/07/2014

Monday, 14 July 2014



Lil hinn minn dak li tgħidli.

Lil hinn minn dak li tgħidli
Lil hinn minn xfar għajnejk
Lil hinn minn dak li nara
Il-ħmura ta’ ħaddejk,
Issebbaħ xemx mifluġa
Kull xħin fuq wiċċek nilmaħ
It-telfa tiegħi.

Jien naħtaf dak il-waqt kull meta nilgħab
Il-leħħa ta’ ġenbejk qed jiżżegilgu,
Il-qagħada sieq fuq l-oħra
U d-daqqa t’għajn li tgħidli
Naf x’għandek f’moħħok.

Jien nibqa’ ġej warajk
Biex naħrab lili nnifsi
Fil-mixja li tixxengel
Mat traċċi li tħallili
Tal-għoqod li jinħallu
Taħt it-takkuna.

Alfred Grech
13-07-2014

Wednesday, 9 July 2014


L-Għanqbuta.

U issa sirna nsetti fastidjusi,
Ġo gaġġa miġburin ilkoll bħal flieles,
U dan lanqas ġie fuqna għall-għarrieda
Xħin konna lkoll reqdin fuq andar ħieles.

Għax din l-għanqbuta ntiżġet wara daharna,
Ma kredu t’għajn għal għajn u sinna għal sinna;
U din l-għanqbuta ntiżġet għax ħallejna
Fuq rasna jitla’ min hu iqsar minna.

U issa ma baqax fejn tisa’ timraħ,
Ġo xibka tat-tkarkir hawn ruħna sibna,
Il-brimba kullimkien għajnejha firxet
U bqajna mistagħġbin kif l-għass rikibna.

Alfred Grech

09/07/2014

Tuesday, 8 July 2014



Ma jibqa’ xejn.

Ma jibqa’ xejn jekk mhux ir-ramel
Li jiżloq minn mas-swaba ta’ kull wegħeda
Inkella bħal kull kelma li kont tgħidli
U issa insejtha.

Bħas sħab taħt sema safi
Mir-riħ tal-bidla mkeċċi,
It-tqanqiliet, għafsiet il-qalb,
Kull xħin kont tisparixxi.

Għalhekk li jibqa’ llum
Mill-kliem imħżżeż fl-arja,
Mid-dħaħen li joqorbu lejn is-sema,
Hu biss il-ħsieb li għad xi darba
Nitwieled bniedem ġdid
U nħares lejja nnifsi bħal baħħari
Li jilmaħ l-art imbiegħeda.

Issa li s-skiet ġo sidrek rebaħ
Ta’ filgħaxija għanni l-għanja
Ma nżul ix-xemx li jegħereq.

Alfred Grech

08/07/2014

Monday, 7 July 2014



Inħossni fuq il-ġamar.

Inħossni fuq il-ġamar
Xħin noħroġ minn ġol fosdqa
Il-maltempati tiegħek skuri,
Il-vortiċi li jobrom
Il-fdal tal-eżistenza.
Imbagħad mill-ġdid mix-xejn jitfaċċa l-bnazzi
U nerġgħu għal li konna,
Għaliex bħall-ajru tibdel l-istaġuni
U jien ma nifhem xejn,
Għandix inkun il-bugħaddas feliċi
Inkella l-għawwien tajjeb
Biex naqsam l-oċean inkandexxenti
Ta’ dak li lejk isuqni.
Imbagħad nistaqsi lili nnifsi
It tmien, meta se jasal?

Alfred Grech
07/07/2014

Thursday, 3 July 2014


U jgħaddu minn quddiem il-bieb ewlieni.

U jgħaddu minn quddiem il-bieb ewlieni
Iħirsa ta’ kuljum fuq ferrovija,
U jiġi ż-żmien li ngħaraf lili nnifsi
Tal-kopji jibqa’ biss in-nstalġija.

Għax fomm ix-xemx mitbuq, ħaddejha sofor
Għal dawk li qatt ma jħarsu lejn is-sema,
U jieqaf għal xi drabi taħbit qalbi
U werqa ittir mar riħ fl-iskart tintrema’.

‘Mma lanqas dlam il-lejl ma jibqa’ jidher,
Biex jgħatti ‘l-dawk li lanqas biss jinstabu,
Li qatt ma kellhom wiċċ u lanqas ħajja
U qatt ma kienu hawn u qatt ma lagħbu.

Alfred Grech
03/06/2014


Wednesday, 2 July 2014



Xejn.

Ma tintebaħx bil-baħħ li jisparixxi,
Mill-bieb il-kbir tat-tempju tiegħi tgħaddi,
Imbagħad ma nafx fejn tmur tistaħba. Jgħaddi
Jum ieħor illi fih xejn ma jkun ġara,
Fil-ġiri u fit-tvenvin bħal tal-insetti
Fastidjusi, fil-ġlied ta’ ħsibijieti,
Min minhhom jiġi qabel. Fuq bieb moħħok
Ukoll ħabbatt. Ma smajtnix. Ma kontx hemm lanqas,
Inkella ma weġibtx għax kont fis-sakra,
U jien bqajt hemm nistenna, u xħin staqsejtni
X’kont qed nagħmel, ma nafx kif ridtni nwieġbek,
Ma kont qed nagħmel xejn, għax kont qed ngħasses
Bla ma naf ’l-għala, dil-ġrajja li tixxiebaħ,
Inkella qed inħares x’imkien ieħor.

Alfred Grech

02/06/2014

Tuesday, 1 July 2014


Skiet biss.

Skiet biss hemm fl-isqaqien tat-tama,
U inti ġejt xħin lanqas kont nistenna,
F’idejk iġġorr biċċiet ċaqquf minn qalbi,
Musbieħ il-lejl fuq ħsibijiet imtarxa
Idawwal triqtek.

Ix-xita kienet tiżfen
Taħt sema mimli kwiekeb
Ma ritmi foloz.

Ħallejt minqux ġo ruħi
Iċ-ċikatriċi t’elf mitt ħolma,
Fuq wiċċ is-solitudni l-biża,
L-imħabba tokrob.

Ma biebi nistenniek għalxejn li tħabbat,
Aktarx li tlift it-triq xħin bdejt titlajja.

Alfred Grech

01/07/2014.