Xħin.
Xħin jieqfu
jtambru t-tnabar ġo widnejja
U kliemek
bħat-trumbetti ta’ twissija,
Jien nerġa’ mmur
nistrieħ f’dirgħajn ix-xtajta
Li lesta li
tilqgħani fit-tnissija.
U sehemi jkun
is-skiet u l-ħemda mċarrta
Mil-krib ta’ xi
gawwija ttir imġewwħa,
Jew mit-tkarkir
tal-mewġ taħt xemx għarqana
Inkella żiffa riħ
ma wiċċi mrewwħa.
Xħin tieqaf
issabbatni ma kull naħħa
Jew trossni ġewwa
l-morsa ta’ xewqatek
Aktarx li jien
imbagħad f’qoxorti nidħol
Nixtarr
il-kongetturi ta’ min bagħatek.
Għal kenn u rdoss
ta’ din il-qalb mifnija
Għax jien irrid
ninqata’ ftit għalija.
Alfred Grech
05/03.2016
