Saturday, 5 March 2016




Xħin.

Xħin jieqfu jtambru t-tnabar ġo widnejja
U kliemek bħat-trumbetti ta’ twissija,
Jien nerġa’ mmur nistrieħ f’dirgħajn ix-xtajta
Li lesta li tilqgħani fit-tnissija.

U sehemi jkun is-skiet u l-ħemda mċarrta
Mil-krib ta’ xi gawwija ttir imġewwħa,
Jew mit-tkarkir tal-mewġ taħt xemx għarqana
Inkella żiffa riħ ma wiċċi mrewwħa.

Xħin tieqaf issabbatni ma kull naħħa
Jew trossni ġewwa l-morsa ta’ xewqatek
Aktarx li jien imbagħad f’qoxorti nidħol
Nixtarr il-kongetturi ta’ min bagħatek.

Għal kenn u rdoss ta’ din il-qalb mifnija
Għax jien irrid ninqata’ ftit għalija.

Alfred Grech

05/03.2016

No comments:

Post a Comment