Saturday, 31 May 2014



XCIV

Jekk nibda naħseb l’int mintix ħlief blugħa,
Ħolqien il-moħħ u ġenn il-fantasija,
Insib mod ieħor kif ninfexx fil-frugħa
Ukoll jekk għadni fl-art ankrat mal-bqija.

Għaliex mingħajr il-ftit ta’ distrazzjoni,
Il-ħrafa kienet tibqa’ wisq ugwali;
Kull kif trid tibqa’ hemm bħal fissazzjoni,
Mirage fid-dawl tax-xemx f’deżert senswali.

U ngħid li xejn mhu ġdid taħt din il-kappa,
U jista’ jkun ukoll li dan żmien tajjeb
Li nistqasik kontx int kull xħin tiskappa,
Xħin noħlom f’nofsinhar taħt sema’ mgħajjeb.

Noftoqhom u nistaqsi waħda, waħda,
Il-petali tal-ward minkejja ċ-ċaħda.

Alfred Grech
31-05-2014


Friday, 30 May 2014



Għajjiena l-weraq.

Għajjiena l-weraq fuq l-irħam tal-qabar,
Għax baqgħet ma telgħetx ix-xemx li ssajjar,
Lil-fewġa ta’ filgħodu lanqas tbissmu
U lanqas ma semgħuħ il kant li jħajjar.

Ma joħolmux in-nida tar-riħ isfel,
U ma jibkux id-dell tas-siġra ’l-kbira,
U lanqas jagħti każ tat-talb tal-ġwejjed,
Warajhom ma jħallux mank biss tifkira.

Sakemm buffura riħ iġġorrhomm magħha,
Surithom folla mdejjqa fl-attitudni,
Il-bogħod kemm jista’ jkun lil hinn mix-xatba
Hemm fejn is skiet jinbidel f’solitudni.

Alfred Grech

30/05/2014

Wednesday, 28 May 2014


Ġew reġghu dawk ifittxu.

Ġew reġghu dawk ifittxu
Għax ħasbu li kont jien,
Ma min xebbxuni setgħu?
Jew ħolmu b’dak li kien.

Biswitek irrid noqgħod
Għax ma nafx x’hemm lil hinn mill-eqreb xtajta

Ġew reġghu dawk jistaqsu
Għidilhom miniex hawn
Għidilhom jien assenti
Li lanqas noqgħod hawn.

Biswitek irrid noqgħod
Għax naf li kull xħin trid tiġbidli l-ħajta.

Alfred Grech

28/05/2014

Tuesday, 27 May 2014



Kien kliem mitluf.

Kien kliem mitluf fuq dawk xuftejk statwarji,
Ħarist f’għajnejk, ħarist lilhinn mis-sema,
Ħassejt il-ħabel jerħi minn idejja,
Bħas-stalaktiti d-dwejjaq, sidri nar jinħema.

U wiċċek kien is-sħab li jtella l-ajru,
Fil-ħemda ta’ fl-għaxija li d-dlam silef,
Ma kellimtnix, ma jmurx il-lejl jisimgħek,
F’ta’ ħarstek l-infit il-baħħ jintilef.

 Bħal gżira fl-oċean, kif stat issibni?

Alfred Grech

27/05/2014

Monday, 26 May 2014





Lil hinn minn dak li tidher.

Lil hinn minn dak li tidher,
Lil hinn minn dak li tgħid,
Inti għamla feminili
Tingħaraf sew bil bgħid.

Lil hinn minn dak li tagħmel
Tħajjarni bla ma taf,
Fl-għanqbuta li qed tinseġ
Nitfixkel bla ma naf.

Min inti għidliu sewwa?
Ħa nara ftit bil-mod,
F’dak kollu lili jqanqal
Ta’ ġismek qed jitgħod.

Nixtieq li miegħek ngħaddi
Iljieli twal sajfin,
Noqgħodu ngħoddu l-kwikeb
U nfissdu lil xulxin.

U xħin irrid jien naħrab
Id-dwejjaq ta’ kull ħin,
Tibq’inti tistennieni
Bħal mara tad-destin?

Tibq’inti lili tagħaraf
Xħin jien inkun inbdilt?
Madwari tibqa’ tiżfen
U tinsa kull m’għamilt?

Lil hinn minn dak li jidher
Li tara u tmiss b’idejk,
Se nibqa’ nara l-ħlewwa
U s-sewwa l-hemm f’għajnejk?

Alfred Grech

26/05/2014 

Saturday, 24 May 2014



Mill-ilma matt.

Mill-ilma matt mistħija titla’ x-xemx
U moħħi jibda jegħereq
Fi ħbub għajnejk.

Ġwenħajn tebqet l’għajnejn
Jaħarbu dak li tlissen
U l-folla ħsibijiet bħal masġar ħiemed
Bejn ir-riħan u l-ħsejjes tal-ilma.
Xufftejk magluqa jafu jgħidu
Dwar qlugħ ta’ mingħajr riħ
U xemx li taqli.

Fil-baħar tas-skiet inħossni ngħum
Bħas-silġ jinħall f’wiċċ l-ilma.
Ma jibqax biża’, lanqas għalfejn taħrab
Lil hinn mix-xefaq.

Alfred Grech

26/05/2014

Wednesday, 21 May 2014


Kien hemm il-baħar.

Kien hemm il-baħar dakinhar jitkemmex,
Żewġ passi ’l-bogħod mar-ramel fejn konna aħna;
Kien hemm il-qamar dakinhar jixxengel
U l-kwiekeb jiżfnu l-walz f’sakra ta’ mħabba,
U ċ-ċief imbikki jgħanni serenata
U d-dawl fil bogħod tad-dagħajjes qiegħedin jaqsmu,
Ix-xefaq li ftit, ftit kien qed jitbiegħed,
U kien hemm inti u jien, erwieħ mitlufa,
Fid-dlam tal-lejl infittxu minn fejn tlaqna
U fejn sejrin f’dil-ġrajja li ktibniha
Mingħajr il-pinna, b’linka li titħassar,
X’ aktarx, li aħna t-tnejn li lanqas nemmnu
Ngħidu ’l-xulxin li din mhijiex ħlief ħolma;
Ma nħallu ebda  traċċja minn fejn ngħaddu,
Ma nħallu ebda għelm li bih ningħarfu,
Ma nħallu ’l-ħadd jintebaħ li konna aħna.

Alfred Gech

21/05/2014

Tuesday, 20 May 2014



Ħajja.

Taħrablek min idejk
Bħal ħuta xħin taqbadha,
U tħares fiss f’għajnejk
Kull meta trid tiċħadha.


Biex tgħum iżżomm fil-wiċċ
U tasal għax bil-ħniena,
U tkarkar ta’ kull jum
Biex tħajjar xemx għajjiena.

Trid titla’ fuq il-palk
Xħin jagħlaq is-siparju
Dan kollu teatrin,
Kullħadd fl-istess xenarju.

U xħin iġorrna l-wied
Tkun b’saħħtek jew tkun ġifa
Sa fl-aħħar nispiċċaw
Bħal weraq tal-ħarifa.

Alfred Grech

20/05/2014

Monday, 19 May 2014



Il-baħar qed jofroħ.

Il-baħar qed jofroħ biex jikxef
Dak kollu li rmejt wara dari,
Il-gawwi fuq blata jitperreċ
U jgħanni l-imħabba ta’ dari.

Kif nagħmel u nitla’ fuq l-għolja,
Imxekkel bil-ktajjen tal-bieraħ
U nirbaħ quċċata war’oħra
U nirbaħ il-folol fl-imsieraħ?

Bil-lejl xegħelt musbieħ biex indawwal,
Imbierek id-dlam ta’ madwari,
Bdejt nimxi ‘l-quddiem nagħmel bħalhom,
U ġrejt wara x-xefaq aħħari.

Iżernaq u nibqa’ nitnikker,
Nistaqsi għandix indur lura,
Jew ngħmel bħax-xemx hi u nieżla,
Nistaħba biex ngħereq fil-ħmura.

Alfred Grech.

19/05/2014

Saturday, 17 May 2014




Sibt ruħi hawn.

Sibt ruħi hawn mitluf fit-trasparenza
Fid-dawl ikkonċentrat ta’ qamar kwinta,
Fanali fl-isqaqien tan-nostalġija
Biex noħroġ minn ġol-għar u nieħu spinta.

Fejn qagħadt nikkuntemplak tul ħajti kollha
Nistenna d-dawl tal-beraq u s-sajjetti
Li jaqsmu skiet il-lejl minsuġ bl-iskandli,
Fiċ-ċirku tond li mxejt mingħajr trumbetti.

U d-dlam fl-għammieq jirbombja l-eżistenza
Xħin noħlom żernieq ġdid u naħrab ħarba,
Met’int ma tkellimnix għax ħadt fastidju,
Jew tħabbat ma terġgħax għal kemm il-darba.

Alfed Grech

17/05/2014

Friday, 16 May 2014




Kull xħin ir-riħ idur.

Kull xħin ir-riħ idur jien nisraq nota
Minn dawk li hemm imdendla par imsielet
U s-skiet sar qisu d-diwi u reġgħa bdielu
Bħal kliem ma riħ mitluq minn xuftejn qarsa
Stampati fuq il-ġilda, kliem imtenni
Ta’ lirika ndelibbli, wild il-frugħa
U s-skiet mil-leħen għandu ta’ xi mutu,
Inkella l-ħoss tal-ktajjen qed ikaxkru
Fil-ġimgħa l-kbira t-toqol ta’ ħtijieti,
Bħar-riħ migdud li jgaħddi bejn il-kordi
Inewwaħ dak li qatt ma seta’ ġara.
Kull xħin fuq rasi tiġi int tittajjar,
Iddallam bi ġwenħajk jum għadu jisbaħ
Bħad-dellijiet impittra fuq sħab kiebi,
Erwieħ jaħarbu d-dawl. Filwaqt li l-qniepen
Itappnu bid-daqq tagħhom skiet jisseqqer.
X’imkien lil hinn mix-xefaq hemm il-misraħ
Fejn inti u jien xi darba għad niltaqgħu.

Alfred Grech
16/05/2014

Thursday, 15 May 2014



Mhux inti u lanqas jiena.

Jekk inti ġo did-dinja b’idek f’idek
Ġejt; hekk għad trid tmur, xejn ma tieħu miegħek,
Kif tgħid li għandui ntik, jew għandek tieħu
Jekk miegħek xejn ma tieħu, xinhu tiegħek?

U min hu dan il-mostru li jissejjaħ
Is-soċjeta’, l-Istat u min jimponi l-piena?
Lejn min hu l-ħlas li joħroġ mill-kundanna,
Jekk m’huwa ħadd. Mhux inti u lanqas jiena.

Alfred Grech
15/05/2014



Wednesday, 14 May 2014




Int biss poeta.

Tieqaf hemmhekk tistenna,
Hemmhekk fejn il-fanali
Ma jixgħelux,
U l-qlub tad-demm u l-laħam
Lanqas uġigħ ma jħossu.

Qisek tallab mitluf,
Tħabbat il-bieb tal-inċertezzi
Fit-toroq qodma
Tad-delużjoni.

Qisek fanal bil-lejl,
Fis-skiet mank sens ma tagħmel
Bħax-xibka tan-nassaba.

Qisek lupa li tnewwaħ
l-iskandli ta’ bil-lejl. . .
bukkun qed tfittex.

Imm’int mint qisek xejn,
Int biss poeta.

Alfred Grech

14/05/2014

Tuesday, 13 May 2014



Tfesfisli f’widejja.

Tfesfisli f’widejja
Il-holm ta’ kwiekeb jgħumu
F’wiċċ baħar iffullat bid-dwejjaq tiegħi,
Bħal gżuż ta’ galassiji qed jitbiegħedu,
Bħal bżieżaq li jinfaqgħu.
Xuftejk ċiras mitluq
Itenni ġrajjiet muti
Li nġarru mal-irwiefen.

Tfesfisli ġo widnejja
Id-dalma tal-għerien
Duħħan is-sema mċajpar
Imberfel b’dawl ix-xemx
Li qatt ma telgħet.
Il-harsa siekta tiegħek
Hi biża u qtiegħ il-qalb
Ta’ baħar inkurlat
Li fih qed negħerqu.

U ġewwa fija tiela’ l-ajru
Fuq swied il-qalb tal-bnazzi.

Alfred Grech

13/05/2014

Monday, 12 May 2014



Nisirqu ftit tal-ħin.

Nisirqu ftit tal-ħin bejn att u ieħor,
U nistenniek fis-siegħa qabel jisabaħ,
Fil-ħemda xħin id-dlam hu fl-eqqel tiegħu,
Fid-dlam bla qiegħ, fid-dlam ta’ mingħajr isem,
Biex nerġa’ nisma’ leħnek f’qiegħ il-ħemda,
It telf  li ma ħassejtx, il-mewt ta’ dejjem. . .
Nistrieħ fid-dlam tal-lejl xħin kollox jitlef
Dawk ix-xeħtiet li bihom kien jingħaraf,
Fid-dlam jintilef kollox; kollox jerġa’
Għall-anonimita’ tal-ħajja eterna.
Id-dlam f’wesgħat il-ġuf qabel titwieled
U fiħ l-erwieħ jilgħabu mistoħbija,
Il-maskri jitneħħew, ħadd ma jingħaraf,
U ma jkun jidher ħadd, kull dnub jinħafer.

Alfred Grech.

12/05/2014.

Thursday, 8 May 2014


Kewkba Rubina.

Kewkba Rubina
Tilma fuq torri
Tifqa’ s-sorpriżi
Jekk mhux imdorri.

Kewkba rubina
Tiddi flgħaxija
Tiddi filghodu
Ħamra u mimlija.

Kewkba rubina
Ruħ il-foħrija
Fl-ogħla quċċata
Ġahwra mdemmija.

Kewkba rubina
Taħkem fin-nassa
Tnessi l-għanqbuta
Ħolma tal-massa.


Alfred Grech

24-04-2014


Ikolli nbaxxi rasi.

Ikolli nbaxxi rasi u ma nurikx
Dak li għajnejja jridu jgħidu,
Kull xħin subgħajk imissu l-kordi mielsa
Tal-arpa li ntunat is-sinfonija,
Stqarrija ta’ kull xewqa u kull tqanqila
Tkexkix li jqum xewk, xewk, u jompli jikber
Sakemm fix-xejn jispiċċa
Bħal mewġ xħin fl-oċean
Qatra ilma taqa’.

Alfred Grech

08/05/2014

Wednesday, 7 May 2014



Misraħ Aħmar.

Tispiċċa tieħu nifs il-ġewwa,
Jonqosha r-ritmu l-poeżija,
Hawnhekk titlef il-kliem il-profezija,
Hawnhekk fejn jisgħobija l-ħajja,
Tistordi l-kelma u ma nibqghux niftiehemu.
Hawnhekk fejn jaqa’ d-dlam fuq dil-ġurnata,
Hawnhekk fejn indur lura għax nitlef triqti,
Fejn l-univers fi tnejn jinqasam,
Hawnhekk fejn isejjaħli dak li ngħix
Biex bih niftaħar.

Alfred Grech
21-04-2014


Tuesday, 6 May 2014



Id-daqqa t’għajn li tajtni.

Id-daqqa t’għajn li tajtni hi biżżejjed
Biex tnixxef kull nixxiegħa t’ilma ġieri,
Ir-ritmi ta’ qalb tħabbat twaqqaf sobtu,
U n-nifs li jgħaġġel aktar mis-sekondi.
Inti l-abjad tas-silġ li qatt ma niżel;
Inti dawl taż-żernieq li qatt ma sebaħ.
Kull ħsieb li jiġi f’moħħi hu bħal ħabel
Marbut iżommni miegħek qisni mixli,
Daqs meta nħoss subgħajk mingħajr ma tmelles
U r-riħ ta’ lbiċ idarras sema mgħaddab.
M’hemmx nar li jista jasaħħan din il-kesħa
M’hemmx xita li se ttaffi n-nar iħeġġeġ.
Is-skiet iħalli għelm bla ma jistaħba
Inkella jdur mar-riħ mingħajr ma jaħrab.

Alfred Grech.

06/05/2014

Monday, 5 May 2014



Illum imxejt fit-toroq iffullati.

Illum imxejt fit-toroq iffullati
Bit-tama li nitaqa ma xi ħadd
U ngħaddi siegħa,
Minflok sibt ruħi qed niġġerra
F’mergħat il-ġenn.
Illum ħassejt li qiegħed nilgħab logħoba
Min jaf jekk hix il-ħajja stess il-logħoba,
Kull xħin jien niġi ħdejk biex titbissimli
U b’hekk tnessini d-dieqa li nġorr miegħi,
Is- sens tassew tal-ħajja?
Vetturi jgħaddu jvenvnu mingħalija
U jiena nibqa’ għaddej fuq il-bankina,
Imbagħad kull xħin insibni waħdi
Imdawwar bil-ħitan tas-solitudni,
Min jaf jekk għadx tiġini x-xewqa tiegħek,
Għax għandi bżonnok?
Imqar f’dawk il-waqtiet li kont taħsibni
Xitan, miniex ħlief anġlu.

Alfred Grech

05-05-2014

Saturday, 3 May 2014








Iċarċru l-ħsibijiet.

Iċarċru l-ħsibijiet ma ħitan qodma
Fid-dlam il-ħemda taħkem ruħ weħida,
Filwaqt li x-xita tiżfen fuq il weraq,
Tal widna r-ritornell mal-ħġieġ tat-tieqa.
Fuq wiċċ li mank jingħaraf demgha ġġelben
Li tixxutaha dik l-id għax imdorrija,
Mal passi tqal ikaxkru taħt l-arkati
Ma żżomx il-pass mal-ħsibijiet kull kelma:
Għax kull tibdil fit-temp mhux ser ibiddel
Ir-ruħ li ma tidhirx kif tkun minn barra.

Alfred Grech
03-05-2014