Int biss poeta.
Tieqaf
hemmhekk tistenna,
Hemmhekk fejn
il-fanali
Ma jixgħelux,
U l-qlub
tad-demm u l-laħam
Lanqas uġigħ
ma jħossu.
Qisek tallab
mitluf,
Tħabbat
il-bieb tal-inċertezzi
Fit-toroq
qodma
Tad-delużjoni.
Qisek fanal
bil-lejl,
Fis-skiet
mank sens ma tagħmel
Bħax-xibka
tan-nassaba.
Qisek lupa
li tnewwaħ
l-iskandli
ta’ bil-lejl. . .
bukkun qed
tfittex.
Imm’int mint
qisek xejn,
Int biss
poeta.
Alfred Grech
14/05/2014

No comments:
Post a Comment