Thursday, 3 April 2014




Il-lejla erġajt imxejt il-passi qodma.

Il-lejla erġajt imxejt il-passi qodma
Ta’ trejqa mingħajr sbokk u bdejt infittex
Taħbit il-qalb bħal dejjem xħin insejthom
F’idejk battala.

Erġajt staqsejt jienix qed noħlom
Fi ħsiebi qishom badla l-inċertezzi,
Kultant insibek tħares bħal tistaqsi
Għajnejk kurjużi.

Imdawwar bit-tvenvin tar-riħ bdejt nemmen
Fi kliemek ma jaqtax u ma kull bewsa
Ħassejtni qisni anġli jtir fis-sema,
Sakemm sparawli.

Bdejt ngħum fuq biċċa għuda mal-kurrenti,
Għajnejja mitlufin fic-ċpar tax-xefaq
Fejn l-infinit fetaħli l-bibien beraħ;
Komplejt nitbiegħed.

Alfred Grech

03-04 2014

No comments:

Post a Comment