Friday, 13 June 2014


Din l-imħabba ta’ bejnietna.

Bħat-tinwir, din l-imħabba ta’ bejnietna,
Mal-ħajt ta’ dar qadima, nkella marka
Li wrajja tħalli l-gomma meta tħassar
Jew l-għerq li baqa’ fl-art għax mhux bil-barka.

Hemmhekk tibqa’, fil-ħamba ta’ kull kelma
Li ma tingħadx, inkella maltempata
Ta’ dak li qed nistenna u qatt ma jiġi,
Jew fit-tnegħid sfaċċat fid-dlam, stampata.

Bħas sħab migdud quddiem il-qamar kwinta,
Il-ħemda li fil-baħħ għad trid titfassal,
Għajnejja jimxu l-passi ta’ sbuħitek
Li saret dell sfumat li lili jwassal

Sal infinit. Hemmhekk, fejn għad nistenna
Li ġuf il baħħ jiblagħani biex jithenna.

Alfred Grech
13/06/2014


No comments:

Post a Comment