Tuesday, 10 June 2014



Ma jdejjaqnix.

Ma jdejjaqnix ir-riħ li jonfoħ kontra,
Iż-żrara fiż-żarbun tittorturani,
Il-mewġ tal-baħar jobrom il-burdati,
It-tbissim falz - jagħmilni xi barrani,

Li jaħsbu fuqi n-nies, kull dell li jitfgħu,
Il-ħsibijiet mgħawwġin u twemmin fieragħ,
Ta’ mħuħ dgħajjfin li jħotti dak li nbena
U  jħarbtu dak li l-ġganti bnew il-bieraħ.

Niddejjaq biss xħin jgħaddi ħsieb minn moħħi
Li dak li mmiss u nara hu sensazzjoni,
U min ma jafx, ferħan għax jisbaħ xorta,
U ssib li xejn ma hu ‘kk mhux illużżjoni.

Niddejjaq xħin jgħiduli li jien ħieles,
Minflok jien bħalhom skjav, marbut bil-ktajjen
Tal-liġijiet, drawwiet, morali falza,
Għax inviżibbli l-id tal-mostru ħajjen.

Niddejjaq b’dak il jum li jrid jintesa’,
Għax fih ma ġara xejn, nifs bla tifsira,
Sinjal fi ktieb li baqa’ qatt ma nqara’,
Il-ħajja li m’għexthiex; ta’ bla tifkira.

Alfred Grech
10/06/2014


No comments:

Post a Comment