Monday, 6 January 2014

Requiem lil Maria Bugeja.


Iddum biex tgħaddi din is-sħaba sewda.
Minghajr ix-xemx kull jum migdud u mgħajjeb.
Il-baħħ ma jimteliex, ta’ min ħalliena,
Mingħajr il-fus, fix-xejn idddur ir-rota.
Bħal meta tqanqal blata minn imkienha
Li tħalli l-fierah, tħalli l-baħħ warajha.

Għalik Marija ddoqq din il-qanqiena
Li tnissel swied il qalb mimlija dieqa.
Tfakkarna li trab konna, trab insiru,
U kollox vanita’, u kollox frugħa:
Buffura rih il-ħajja fuq din l-art minsija.
U mhux lakemm jintiżen l-għali tagħna,
Fil-keffa tal-miżien il-ħsara tqiegħed.
Miċ-ċomb u mill-merkurju hu itqal kliemna,
Mifxul il-ħsieb u dalma fuq għajnejna.

Iddoqq din il-qanpiena, in-nies miġbura
Nagħtuk minn qalbna lkoll tislim tal-aħħar,
Għalik is-sogħoba tagħna, li kont magħna
Fl-inżul u t-tlajja mxejt  ta’ dil-mogħodija.

Għalik din it-tislima tal-qanpiena,
Għax issa m’għadekx magħna, sirt tifkira,
Fid-dlam tal-ħsibijiet, fiċ-ċpar tad-dubbji
Ninfexxu lkoll fil-mistoqsija eterna:
Għaliex il-mewt, għaliex din it-tbatija?
Għaliex bil-mewt jingħalaq ktieb il-ħajja.

Ninfexxu lkoll nistaqsu l-mistoqsija:
Għaliex minn fost kulħadd Marija kienet
Li kellha ħesrem tħalli l-wied qabilna,
Dil-mara li f’ħajjitha dejjem tħabrek
Minn dawl sa dlam biex trawwem il-familja,
Sabiex kull sehem jitkattar u jsir mija.
B’idejha merhijin hi kienet tqawwi
Lill kull min kien jinħtieġ, lil kull min jogħotor.
Min irkuptejħ milwija kienet tqajjem
U twieżen lil magħdur, bi kliemha sieber.
Għax kienet it-tjubija l-qawwa tagħha
U l-qalb qawwija s-saħħa ta’ mġibitha.
Għaliex dawk ta’ bla ħtija qed jintilfu,
In-nies il-ġusti kollha qed jinqerdu?

Iżd’hemm kapitlu ieħor li jinkiteb
Lilhinn minn dawn ix-xtut, lilhinn mix-xefaq.
Fuq xatt l-eternita’, hemmhekk kull ħolma
Tissarraf f’realta’, li hu jsir ħolma.
Hemmhekk hemm l-infinit b’ebda fruntiera;
Hemmhekk il-mard, il-qtigħ il-qalba, kull ħaġa
Li tkidd lil bniedem fl-art hi bla tifsira.
Hemmhekk issaltan biss il kelma “Mħabba”.
Hemmhekk iss’hemm Marija bi tbissima.
It triq ma tilfithiex: Waslet qabilna!.

Galhekk Missier Ħanin f’idejk ilqagħha
Lil din ir-ruh li tant f’ħajjitha ħabbet,
Lil din il-mara siekta u kollha rażan,
Li mxiet it-telgħa kollha bi tbissima.
Ħallieha titla’ t-taraġ tat-tron miegħek
Biex minn hemm fuq hawn isfel lilna tara,
U żommha ħdejk biex tgawdi l-hena tiegħek.

Alfred Grech

05/01/2014

No comments:

Post a Comment