Tuesday, 14 January 2014





Niktiblek poeżija.

Niktiblek poeżija biex niżvoga,
U niġri qalb l-imgħawweġ tal-imħabba,
Nintefa’ ġewwa baħar ta’ sigrieti,
Nitgerbeb qalb il-faħam bla nittabba.

Inċappas bil-kulur tar-ruħ il-kelma
Minn fejn mill-ġdid jitwieldu dawn il-versi
Bħal leħen bejn il-linji tas-silenzju
L-isess tambur ‘mma taħbitiet diversi.

U bejn tbissima u karba ta’ xi weġa’
Ta’ ġerħa tnixxi d-demm u mhix imfejjqa,
Ta’ dak li xtaqt li kelli nkella tlifu,
Jew dak li wrajja baqa’ f’xi triq dejqa,

U mdawwar mill-ħitan ta’ din kamarti
It-tama tibqa’ biss, it-tisbir tiegħi,
U mnalla għandi l-karta u għandi l-pinna
U l-Muża bħal maħbuba tiġri miegħi.

Alfred Grech

14/01/2-14

No comments:

Post a Comment